Il-President ta’ Malta, George Vella, kellu taħditiet mal-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins, f’Áras an Uachtaráin, ir-residenza uffiċjali u l-uffiċċju tal-President tal-Irlanda, fil-bidu ta’ Żjara Statali ta’ tlett ijiem fl-Irlanda.
Matul il-laqgħa bilaterali, il-President Vella u l-President Higgins iddiskutew, fost l-oħrajn, ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi u oqsma għal kooperazzjoni fil-futur. Enfasizzaw ukoll il-prijoritajiet ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, in-newtralità, it-tibdil fil-klima u l-aħħar żviluppi fil-gwerra fl-Ukrajna, il-Mediterran, l-Afrika, il-migrazzjoni kif ukoll is-sigurtà tal-ikel.
Wara l-laqgħa mal-President Vella, il-President ta’ Malta ħawwel siġra tal-ballut Irlandiż fil-ġonna ta’ Áras an Uachtaráin u, flimkien mas-Sinjura Vella, daqq il-Qanpiena tal-Paċi, li tissimbolizza l-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Aktar tard poġġa kuruna tal-fjuri fil-Garden of Remembrance f’Parnell Square ddedikat lill-memorja ta’ dawk li taw ħajjithom għall-ħelsien tal-Irlanda.
F’Dublin, il-President Vella kellu laqgħa separata mal-Prim Ministru Leo Varadkar. Id-diskussjoni bejn il-President Vella u l-Prim Ministru Varadkar ukoll iffukat fuq is-similaritajiet bejn iż-żewġ pajjiżi, it-tibdil fil-klima, l-Afrika, u l-gwerra u l-paċi fl-Ukrajna. Wara, żar l-Assemblea u s-Senat.
Il-President ta’ Malta huwa akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli.



