Il-President George Vella kellu laqgħa bilaterali ma’ Miguel Ángel Moratinos, Sottosegretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda u Rappreżentant Għoli għall-Alleanza taċ-Ċiviltajiet tan-Nazzjonijiet Magħquda, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Iż-żewġ partijiet iddiskutew is-sitwazzjoni ġeopolitika madwar id-dinja u t-theddid li din qed toħloq għall-multilateraliżmu. Il-President Vella qal li huwa meħtieġ djalogu bbażat fuq il-valuri mal-pajjiżi sħab, speċjalment fl-Afrika, u t-tnejn qablu li ż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali biex jitnieda d-djalogu u semmew l-inizjattivi meħuda f’dan ir-rigward.
It-tnejn fakkru l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-AOC għall-Mediterran li saret matul l-ewwel Konferenza Reġjonali organizzata minn Malta fl-2010.
Waqt żjara fi ‘Ground Zero’ ilbieraħ waranofsinhar, il-President ta’ Malta poġġa kuruna tal-fjuri man-9/11 Memorial b’tifkira tal-vittmi tal-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru tal-2001 u l-attakk bil-bombi fuq il-World Trade Center fl-1993.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u d-delegazzjoni, il-President Vella żar ukoll in-9/11 Memorial Museum, iddedikat biex jikber l-għarfien tal-pubbliku dwar l-impatt kontinwu tal-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru fuq l-Istati Uniti u madwar id-dinja.