Il-President George Vella indirizza taħdita f’Chiba University of Commerce ta’ Tokyo li fiha ħadu sehem mal-400 student li kellhom iċ-ċans jitkellmu u jiddiskutu dwar kif Malta rnexxielha tagħti kontribut siewi lill-multilateraliżmu.
“Pajjiżi bħal Malta, kif ukoll il-Ġappun, huma dawk li l-iktar jibbenefikaw mill-mod kif taħdem sistema multilaterali għax mhux id-daqs li jgħodd l-iktar imma l-prinċipji, ir-reżiljenza u l-għaqda fis-saħħa li l-iktar li huma importanti fl-isfera internazzjonali,” qal il-President Vella lill-istudenti.
Il-President Vella tkellem dwar ir-rwol importanti li kellu pajjiżna mal-medda taż-żmien, fosthom fil-Ġnus Magħquda, il-Commonwealth u l-Unjoni Ewropea. Irrefera għall-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Mediterran, b’mod partikolari fl-ambitu tal-immigrazzjoni.
Semma kif Malta għal snin twal tħalliet waħidha tindirizza din il-kwistjoni, iżda rnexxielha tpoġġi fuq l-aġenda Ewropea dan il-fenomenu, tant li għamlet tragward importanti waqt il-Valletta Summit ta’ Novembru 2015 meta l-immigrazzjoni kienet diskussa bejn il-pajjiżi kollha tal-UE u l-Afrika.
Il-President Vella emfasizza li kull immigrant huwa uman u għandu jkollu rispett u dinjità, filwaqt li sostna li l-immigrazzjoni hija fenomenu globali u qal li Malta temmen li din il-kwistjoni teħtieġ azzjoni globali.