Il-President George Vella esprima s-sentimenti qawwija tiegħu dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna, billi wassal l-appoġġ sħiħ ta’ Malta lit-tmexxija u lill-poplu tal-Ukrajna.
Waqt li indirizza direttament lill-eks President tal-Ukrajna Viktor Yushchenko fil-‘Malta InterAction Council Meeting’, il-President Vella tenna l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tal-poplu Malti u esprima l-kundanna assoluta u ċara tal-invażjoni Russa u tenna l-appelli għat-teħid ta’ responsabbiltà.
Fl-indirizz tiegħu, il-President Vella tkellem dwar l-iżviluppi riċenti fir-reġjun tal-Mediterran, is-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà kumplessa fil-Libja, u x-xenarji li qegħdin jiżviluppaw fl-Afrika ta’ Fuq, fil-Lvant Nofsani u fis-Sudan.
Dwar is-sitwazzjoni inkwetanti fil-Libja, il-President ta’ Malta appella għall-irtirar tal-forzi, tal-merċenarji, tal-ġellieda u tal-gruppi armati barranin kollha mill-pajjiż u biex jiġi żgurat proċess immexxi u msawwar mil-Libjani li jippermetti lill-poplu jagħżel il-mexxejja tiegħu u jġedded il-leġittimità tal-istituzzjonijiet tagħhom.
Ritratti (OPR)