“Wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti taż-żjara jkun dak li jlaqqagħni mal-komunitajiet ta’ Maltin ’il bogħod minn xtutna.”
Dan stqarru l-President ta’ Malta George Vella meta flimkien mas-Sinjura Miriam Vella u l-President Irlandiż Michael D. Higgins u s-Sinjura Sabina Higgins, iltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-komunità Maltija fl-Irlanda.
Il-President ta’ Malta indirizza lill-Maltin li jgħixu fl-Irlanda u sostna li huwa permezz tal-kontribut tagħho, tal-familji tagħhom l-imprendituri, il-professjonisti fl-oqsma differenti, l-istudenti – huma għandhom iċ-ċavetta għal relazzjonijiet bilaterali fit-tul li jibqgħu sodi f’kull żmien.
Fl-Irlanda huwa kellimhom bl-ilsien Malti u ħeġġiġhom sabiex ma jinsewx il-lingwa Maltija. Huwa qal, “Naf li diffiċli li tipprattikawh kuljum hawnhekk, iżda komplu żommuh b’għożża u ħarsuh kemm tistgħu, speċjalment min fostkom forsi qed irabbi t-tfal u bena familja hawnhekk.”
Din iż-żjara statali fl-Irlanda, qal il-President, “hija avveniment importanti li saħħaħ il-ħbiberija b’saħħitha ħafna li hemm fil-qalba tar-relazzjonijiet mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi.”
Il-President Higgins irringrazzja lil madwar 200 Malti li jgħixu fl-Irlanda għall-kontribut importanti tagħhom lis-soċjetà, l-ekonomija u l-kultura tal-pajjiż permezz tat-talenti u l-ħidma tagħhom u l-esperjenza rikka tagħhom.
Fl-Irlanda, il-President ta’ Malta kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli.