Żommu f’moħħkom l-interess ta’ Malta.
Dan kien l-appell tal-President ta’ Malta, George Vella waqt laqgħat li kellu fil-Palazz tal-Granmastri fil-Belt mal-membri parlamentari ewropej eletti fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda.
Għal din l-ewwel laqgħa mal-President ta’ Malta, kien hemm preżenti l-ewro parlamentari Laburisti Miriam Dalli, Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajtar.
Madankollu waqt il-laqgħa spikka n-nuqqas taż-żewġ ewroparlamentari eletti f’isem il-Partit Nazzjonalsita Roberta Metsola u David Casa. Il-President qal li waqt li s-sitt ewroparalmentari Maltin ġew mistiedna għal din il-laqgħa, Metsola u Casa ma setgħu jattendu wara li ssejħu b’mod urġenti għal-laqgħa fi Brussell.
Fil-laqgħa mal-membri parlamentari ewropej preżenti, il-President Vella awguralhom kollha filwaqt li stqarr li dak li hu tajjeb għall-pajjiżi kbar fl-Unjoni Ewropea, mhux neċessarjament huwa tajjeb għall-pajjiżi kollha.
B’sodisfazzjon innotta wkoll li l-elezzjoni li għaddiet kienet waħda demokratika u trasparenti u fisser id-delegazzjoni Maltija bħala waħda b’parita bejn is-sessi, b’element Għawdxi u b’taħlita ta’ kompetenzi.
Żied jgħid li se jkun hemm sfidi ġodda hekk kif il-formazzjoni tal-Parlament Ewropew se tkun differenti minn kif kienet qabel l-elezzjonijiet.
Qal ukoll li wieħed irid jara x’se jkun l-irwol tal-partiti tal-lemin u l-influwenza tagħhom fuq il-partiti l-kbar, li naqqsu r-rappreżentanti tagħhom.