Wara li lbieraħ it-Tabib George Vella ngħata l-ħatra bħala l-għaxar President ta’ Malta, illum beda bl-ewwel impenji uffiċjali tiegħu fil-kariga l-ġdida.
L-ewwel impenn tal-President Vella se tkun laqgħa mal-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
It-tieni impenn tal-President George Vella se tkun laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kif ukoll membri Parlamentari tal-Gvern.
Ilbieraħ kienu għall-ħabta tal-kwarta li fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz Presidenzjali, Dr Vella ħa l-ġurament tal-kariga ta’ Kap tal-Istat. Fl-ewwel diskors tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi, il-President George Vella qal li se jwettaq presidenza siekta u jkun punt ta’ għaqda nazzjonali, mera tal-bżonnijiet tal-poplu, leħen tal-ftit u l-wens tal-imwarrab.
Diskors li matulu fisser il-vizjoni tiegħu għall-ħames snin li ġejjin, partikolarment billi jkun punt ta’ għaqda nazzjonali.