Il-President Ukren Volodymyr Zelensky il-Ħadd iddikjara li lest jagħti lura s-suldati tal-Korea ta’ Fuq li nqabdu mit-truppi tiegħu lura lil kap tagħhom Kim Jong Un jekk jiffaċilita l-bdil tagħhom mal-Ukreni li jinsabu miżmuma fir-Russja.
Fuq il-pjattaforma X, huwa qal li qed jistenna li mal-ewwel suldati tal-Korea ta’ Fuq li diġà nqabdu sigurament se jiżdiedu aktar.
Il-ġurnata ta’ qabel, għall-ewwel darba minn mindu bdiet il-gwerra, l-Ukrajna kienet qalet li żammet priġunieri suldati tal-Korea ta’ Fuq ħajjin.
Zelensky poġġa filmat qasir li juri l-interrogazzjoni ta’ żewġt irġiel suppost suldati tal-Korea ta’ Fuq b’wieħed minnhom mimdud fuq sodda b’idejh infaxxati u l-ieħor bilqiegħda b’faxxa max-xedaq.
Valutazzjonijiet fl-Ukrajna u l-pajjiżi tal-Punent jgħidu li madwar 11,000 suldat tal-alleati tar-Russja l-Korea ta’ Fuq, jinsabu skjerati fir-reġjun ta’ Kursk sabiex jappoġjaw il-forzi Russi bir-Russja la qatt ikkonfermat jew ċaħdet dan il-fatt.