Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ħeġġeġ lill-politiċi u persuni bin-negozju, li fl-aħħar jiem ħarbu mill-Ukrajna, sabiex jirritornaw fi żmien 24 siegħa.
Zelensky qalilhom li huwa dmirhom li jkunu f’pajjiżhom mal-kumplament tal-poplu Ukren f’dan il-mument ta’ tensjoni, li qed dejjem tikber, dwar l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Huwa għamel dan l-appell ilbieraħ filgħaxija waqt l-indirizz tiegħu lejn in-nazzjon Ukren.
Qed jiġi rrapportat li mill-aħħar ta’ Jannar, madwar 20 membru paralamentari Ukreni ħarbu mill-pajjiż.
Fil-fatt, f’messaġġ dirett lejn dawk eletti mill-poplu, il-President Ukren qal li l-poplu m’eleġġiex lill-membri parlamentari biex jiggvernaw biss, imma anke biex jipproteġu pajjiżhom.
Intant, ilbieraħ, f’konversazzjoni bejn il-President Russu Vladimir Putin u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu mxandra fuq it-televiżjoni, intqal li r-Russja se tkompli bit-taħdidiet diplomatiċi mal-Punent.
It-tnejn saħqu li għad hemm ċans li jintlaħaq ftehim mal-Punent dwar l-Ukrajna.