Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Myriam Vella llum ħallew Malta għal żjara uffiċjali ta’ 4 t’ijiem f’Londra.
Matul iż-żjara tagħhom f’Londra l-President u s-Sinjura Vella se jkollhom laqgħa mar-Reġina Eliżabetta t-tieni f’Buckingham Palace kif ukoll laqgħa mal-Prinċep Karlu fi Clarence House.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Londra, il-President Vella se jkun qed jindirizza taħdita f’Chatham House bit-tema ‘L-isfidi kurrenti tas-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran’.
Barra minn hekk, il-President u s-Sinjura Vella se jkunu qed iżuru lill-pazjenti u l-qraba tagħhom li bħalissa qegħdin Londra u qed joqogħdu fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares, kif ukoll għand is-Sorijiet Franġiskani u Agostinjani.
Sakemm il-President Vella se jkun Londra, is-Sinjura Dolores Cristina se tkun qed isservi fil-kariga ta’ Aġent President.