Il-President George Vella flimkien ma’ martu s-Sinjura Vella dalgħodu żaru l-proċess tal-għadd tal-flus miġbura matul il-kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank 2020.
Dan il-proċess qiegħed isir b’reqqa fl-uffiċini prinċipali tal-Bank of Valletta f’Santa Venera. Dawn il-flus inġabru mill-iskejjel ta’ Malta u Għawdex sabiex is-somma totali ser tingħata lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).
F’kelmtejn qosra, il-President George Vella rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-kollaborazzjoni tagħhom u radd ħajr lill-voluntiera kollha tal-MCCFF li jiddedikaw ħin prezzjuż għal din il-kampanja.
Il-President esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-sehem li taw l-istudenti, l-għalliema u anke l-ġenituri f’din il-kampanja, din is-sena kemmxejn differenti minn snin mgħoddija.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Charles Azzopardi, f’isem il-Bank of Valletta fisser il-kampanja ta’ din is-sena bħala waħda mill-aktar ta’ sfida hekk kif riedet tingħata aktar importanza u attenzjoni lis-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li pparteċipaw.
Din kienet is-sbatax-il edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, li rat bidla fil-materjal tal-karus innifsu li din is-sena kien magħmul minn materjal riċiklat. Is-somma miġbura se tiġi ppreżentata waqt l-Istrina tas-Sibt, 26 ta’ Diċembru li ġej.
Ritratti: OPR