Ilbieraħ filgħaxija l-President George Vella u s-Sinjura Vella żammew mat-tradizzjoni u ospitaw edizzjoni oħra ta’ The Ball of the August Moon fil-Palazz Verdala, l-ewwel wieħed f’din il-Presidenza.
Il-ballu jġib miegħu għan doppju, li joffri spettaklu u divertiment u fl-istess waqt jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).
Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv Marchesino Daniel de Petri Testaferrata qal li dan il-ballu llum il-ġurnata stabbilixxa ruħu sew fil-kalendarju tal-attivitajiet li jittellgħu matul is-sena u rringrazzja lil kull min ta l-appoġġ tiegħu biex seta’ jittella’ b’suċċess.
Meta indirizza lill-mistednin distinti, il-President Vella qal li attivitajiet bħal dawn iservu bħala opportunità biex wieħed jirrilassa, jissoċjalizza u jieħu pjaċir bl-atmosfera unika tal-Palazz Verdala. Żied jgħid li min attenda qed jgħin fil-missjoni li għandha l-MCCFF li tagħti sostenn lil min għaddej minn xi saram f’ħajtu minħabba raġunijiet varji.
Il-President Vella rringrazzja lil kull min ta sehemu biex seta’ jittella’ l-ballu, fosthom lill-kumitat organizzattiv, lill-isponsors u sostenituri oħrajn li għamlu l-edizzjoni ta’ din is-sena suċċess.
Fost il-mistednin distinti kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Sinjura Muscat, is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Baroness Patricia Scotland, Membri Parlamentari, membri mill-Korp Diplomatiku, u bosta persuni oħra li ngħaqdu mal-President u s-Sinjura Vella f’din l-attività unika.
Ritratti: OPR