F’intervista fuq ir-radju tal-Knisja 103FM, il-President ta’ Malta Dr George Vella tkellem dwar minn xiex għadda hu u martu waqt l-iżviluppi politiċi ta’ Diċembru 2019.
Kienu ħarġu jipprotestaw il-Belt, primarjament tar-Repubblika, l-Occupy Justice u tas-Civil Society Network flimkien ma’ deputati Nazzjonalisti.
Uħud minn dawk li kienu l-Belt, spiċċaw jgħajru lill-President bl-akbar aġġettivi iebsa.
Il-President Vella qal, “Mal-ewwel ħarġa li kelli jien sejjer il-Palazz biex nagħmel dak id-diskors tal-4 ta’ Diċembru, jiena u marti, it-triq kollha mgħajrin assassini, bl-umbrellel mat-tieqa tal-karozza u jgħajruna assassini.”
Dr Vella saħaq fuq l-għaqda nazzjonali u kif hu bħala Kap tal-Istat irid ikun il-persuna li timbotta din l-għaqda, iżda saħaq li l-għaqda ma tinbeniex minn naħa waħda.
Huwa sostna: “Però l-pont ma jinbeniex minn naħa waħda, il-pont biex jgħaqad irid ikun miż-żewġ naħat. Issa tgħidli, ma nafx imma ma nistgħux naħdmu billi ngħajru, ninsulentaw, infittxu l-aktar aġġettivi umiljanti. Jiena ma jixraqliex dan il-mod u nweġġa’ u nweġġa’.”
Fl-aħħar ġimgħat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil immuntaw attakk fuq il-President ta’ Malta u saħansitra talbu għar-riżenja tiegħu, fosthom l-eks Kap Simon Busuttil innifsu u Jason Azzopardi.
Dan wara li ħaten Beppe Fenech Adami u l-eks kandidat Nazzjonalista Kevin Cassar kien l-ewwel wieħed li fetaħ attakk fuq il-President tar-Repubblika wara r-rapport tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Miegħu ngħaqdet is-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti, li nfexxet f’attakk fuq it-Tabib George Vella.
Imbagħad jumejn ilu fuq it-Times, il-President elett tal-Għaqda Repubblika Alessandra Dee Crespo bdiet tinsulta lill-Kap tal-Istat Malti.
Fl-intervista ma’ Fr Joe Borg, il-President ta’ Malta wieġeb bl-aktar mod inekwoviku: “Jiena ma għandiex niġi hawn, nappella, agħmluli pjaċir, sal-bieraħ stess, strings attached. Qed ngħidha ċara tonda, min jaf li għandi spag marbut jippubblikah, m’għandiex biża’. Jien la għandi spag, la kordiċelli, la ħbula u qatt ma kelli.”
Il-President stieden ukoll li jkunu magħrufa l-fatti mingħajr ma wieħed jaqbad jikteb bl-addoċċ: “Apparti l-fatt li nixtieq jien li min qed ilablab u jikteb, għall-inqas ikun qara l-inkjesta.”