Il-President ta’ Malta, flimkien mas-Sinjura Vella żaru pazjenti Maltin li jinsabu f’Londra għall-kura.
Huma żaru l-pazjenti kemm fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares u anke fir-residenza tas-Sorijiet Franġiskani, fejn għamlu kuraġġ lill-istess pazjenti.
Il-President George Vella stqarr kif kull wieħed mis-sebgħa u tletin pazjent Malti, għandu l-istorja tiegħu, iżda kollha kemm huma jsibu konsolazzjoni li fil-problemi tagħhom, qed isibu l-appoġġ ta’ sħabhom Maltin bħalhom.
Huwa stqarr ukoll kif kellhom l-opportunità sabiex jitkellmu ma’ tobba Maltin li jagħtu l-kura f’Londra fost l-oħrajn lill-pazjenti Maltin.
Qal, “Iltqajna mat-tobba u ħdimna anke ma’ tobba Maltin li qiegħdin hemm u jagħtu kura lill-Maltin meta jkollhom bżonn f’affarjiet li għandu x’jaqsam mal-għadam. Dawn napprezzawhom immens, li dawn mhux biss joffru s-servizz imma jiġu apprezzati u tkellmu magħna anke b’mod tekniku dwar l-iżviluppi li għaddejjin u l-possibbilità ta’ titjib f’dak is-servizz ta’ saħħa li hemm.”
Intant, il-pazjenti Maltin esprimew l-apprezzament tagħhom għaż-żjara tal-President u s-Sinjura Vella, u sostnew li huma grati wkoll għax-xogħol tal-Malta Community Chest Fund.
Fiż-żjara tagħhom fi sptar li jispeċjalizza fl-ortopedija, Il-President Vella awgura r-rabtiet bejn Malta u dan l-isptar li jmorru lura għall-elf disa’ mija sebgħa u erbgħin.