Jeħtieġ li r-relazzjonijiet diplomatiċi u politiċi eċċellenti li għandna mat-Turkija jiżviluppaw f’kollaborazzjonijiet kummerċjali li jkunu tanġibbli.
Dan qalitu l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt żjara Statali li qed tagħmel flimkien ma’ delegazzjoni kummerċjali fit-Turkija.
F’diskors li għamlet fit-Turkey-Malta Business Council, Coleiro Preca saħqet li r-relazzjoni eċċellenti li għandna ma’ dan il-pajjiż għandha tiżviluppa wkoll f’aktar kollaborazzjonijiet kummerċjali.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-potenzjal ta’ Malta huwa kbir, grazzi għall-pożizzjoni ġeografika tagħha fir-reġjun Ewro-Mediterranju. Daqstant importanti wkoll hija l-pożizzjoni tat-Turkija fir-reġjun Ewro-Ażjatiku. Hija spjegat kif Malta u t-Turkija huma żewġ ċentri naturali, fir-reġjuni rispettivi tagħhom, fil-baħar Mediterran.
Il-President ħeġġet lil dawk preżenti biex jieħdu vantaġġ mill-ħafna opportunitajiet li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi, u qalet li Malta huwa pajjiż ideali għan-negozju, grazzi għal settur finanzjarju sod, ħaddiema kompetenti u professjonali fis-setturi kollha, konnettività eċċellenti, u sistema fiskali favorevoli.
Hija tenniet li l-uniku limitu għal dak li jistgħu jiksbu l-pajjiżi jiddependi minn kemm huma għoljin l-aspirazzjonijiet u kemm jistgħu jkunu kbar l-ambizzjonijiet biex jinħoloq ambjent ta’ prosperità inklussiva għall-benefiċċju tal-popli ta’ Malta u t-Turkija.
Malta diġà esperjenzat il-benefiċċji tal-investiment Tork, speċjalment fis-setturi bankarji, tal-infrastruttura, tal-assigurazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti, flimkien ma’ investiment sostanzjali Tork fil-Freeport Terminal ta’ Malta, li huwa t-tielet l-akbar ċentru loġistiku fir-Reġjun tal-Mediterran.
Il-kunsill kien indirizzat ukoll mill-Viċi President tar-Repubblika tat-Turkija Fuat Oktay flimkien mal-Ministri Maltin Carmelo Abela, Chris Cardona u Joe Mizzi u is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.