Il-President Myriam Spiteri Debono laqgħet lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset għal laqgħa ta’ korteżija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Waqt il-laqgħa ġew diskussi t-temi li se tiffoka fuqhom Malta matul il-ħidma tagħha waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena fosthom iż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza u l-vjolenza domestika.

Il-President Spiteri Debono aċċennat kif Malta dejjem użat il-prinċipji u l-valuri Kostituzzjonali tagħha biex taħdem favur il-paċi, l-għaqda u l-istabbiltà. B’dawn il-valuri se jingħataw ukoll l-importanza xierqa waqt il-Presidenza ta’ Malta fix-xhur li ġejjin.
B’rabta ma’ dan, is-Segretarju Ġenerali Berset qal li Malta se tieħu l-Presidenza fi żmien opportun li fih l-Ewropa u anke d-dinja qed jaffaċċjaw kriżijiet globali ili jheddu l-istabbiltà tal-ġnus.