Il-President tar-Repubblika bagħtet messaġġ ċar kontra dik li ddeskriviet bħala vjolenza soċjali. Vjolenza li ssir permezz tal-faċilitajiet moderni tal-komunikazzjoni fejn mhux darba u tnejn persuni qed jispiċċaw redikolati, imħammġa jew umiljati. F’artiklu ppubblikat fil-gazzetti tal-lum il-President appellat ukoll biex ħadd ma joffri kenn lil min iwettaq dan it-tip ta’ aġir.
L-artiklu tal-President jgħid hekk:
Qed jidher biċ-ċar, li sfortunatament, għandna nuqqas ta’ formazzjoni edukattiva, fil-mod kif nikkomunikaw l-ideat tagħna. Flimkien mal-polarizzazzjoni politika, qegħdin iwasslu biex l-ispazji u l-għodod ta’ komunikazzjoni, jintużaw minn xi wħud, b’isimhom jew b’mod anonimu, biex jumiljaw, jirredikolaw, jintimidaw u jħammġu individwi u l-familji tagħhom, u jinvadu l-ħajja privata tagħhom.
Din hija vjolenza soċjali li għandha tiġi kkundannata bla riżervi; vjolenza li tattakka id-dinjita’ tal-bniedem, tnawwar il-fibra soċjali, toħnoq il-komunikazzjoni vera, twerwer lil persuni innoċenti, tbiegħed lin-nies mill-ħajja pubblika, iddaħħal lin-nies f’burdata ta’ kattiverija, u tgħerreq lill-pajjiż f’kultura ta’ vjolenza psikoloġika, li tfixkel is-solidarjetà li l-poplu Malti huwa tant magħruf għaliha.
Xtaqt infakkar fid-diskors li għamilt f’Jum ir-Repubblika 2015, dwar id-dritt tal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, u nisħaq, li filwaqt li dmir ir-Repubblika huwa li tħares Artiklu 18 tad-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, hemm limiti etiċi għal dan id-dritt.
Il-fatt li hawn massa ta’ nies li tipparteċipa b’mod attiv jew silenzjuż f’dawn l-atti anti-soċjali u kontro-etiċi, jurina li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għodod li tant għandhom potenzjal li jkattru d-djalogu, ma jibqgħux jiġu użati biex jifirdu, jweġġgħu u jwerwru.
Għalhekk nappella lil Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba biex jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, għodod u opportunitajiet oħra, biex ifakkru u jedukaw favur relazzjonijiet u kommunikazzjoni aktar etiċi, u biex jipparteċipaw fi djalogi soċjali li jistimulaw il-ħsieb mingħajr ma jweġġgħu.
Komunikazzjoni soċjali li hija etikament produttiva, tagħmel kuraġġ lin-nies biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-ispazji li tagħtina d-demokrazija.
Irrid nappella lill-partiti politiċi u lill-entitajiet pubbliċi biex ma jipproteġu lill-ebda individwi, direttament jew indirettament, li jinqdew bil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali biex ikissru l-ħajja privata tan-nies u l-familji.
L-istrateġija ta’ tkissir in-nies hija bħal susa soċjali, li tifnina lkoll, għax iċċaħħadna mill-komponenti essenzjali tal-verità, tas-sewwa u tad-dinjità. Fuq kollox, din l-istrateġija hija anti-edukattiva u ma tagħmel xejn ħlief li tiżgura li uliedna jitilgħu jemmnu, li l-libertà tal-espressjoni m’għandhiex tarf, limiti jew regoli.
Dan huwa fost l-agħar legat li aħna l-adulti nistgħu nħallu lil uliedna.
Għaldaqstant, nixtieq li dawk il-Maltin u l-Għawdxin kollha, li jemmnu fis-saħħa tal-għaqda ta’ bejnietna, u fil-valuri l-oħra li jistgħu imexxuna ‘l quddiem bħala poplu, biex naħdmu flimkien, ħalli nsaħħu r-rispett, t-tolleranza, u d-dinjita’ fostna.
https://youtu.be/k0NUiStjt0I