Fil-Palazz fil-Belt Valletta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lill-membri tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ ikkoordinat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Filwaqt li raddet ħajr liż-żgħazagħ, il-President faħħrithom għas-sens kbir ta’ kuraġġ u attiviżmu li huma għandhom, rifless fit-temi li ż-żgħażagħ għażlu għar-riżoluzzjonijiet tagħhom. Temi li kapaċi jkunu kontenzjużi u li kultant jitqiesu bħala taboo fis-soċjetà Maltija.
Il-President stqarret li dawn iż-żgħażagħ jagħtu tama kbira għall-futur, meta għada pitgħada jkunu l-mexxeja ta’ pajjiżna.
Il-President ħeġġet liż-żgħażagħ biex jibqgħu jħaddnu s-sens ta’ attiviżmu li għandhom tul ħajjithom kollha, ħalli jkollna ġenerazzjoni ta’ ħassieba kritiċi.
Il-President appellat liż-żgħażagħ preżenti biex dan l-ispirtu ta’ attiviżmu jwassal biex huma jsiru aġenti tal-bidla f’kull ħin.