Il-partiti politiċi fit-Tuneżija qed jakkużaw lill-President b’kolp ta’ stat, wara li keċċa lill-Prim Ministru tal-pajjiż u ssospenda l-Parlament.
Kais Saied qal li hu aġixxa skont dak li tgħid il-kostituzzjoni.
Dawn l-iżviluppi seħħew wara protesti tal-massa vjolenti tul il-jum tal-Ħadd għal kif il-Gvern mexxa tul il-pandemija u minħabba l-kollass tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi-pajjiż.
Tard it-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru li tkeċċa, Hichem Mechichi, qal li se jgħaddi l-poteri lil min japponta Saied.
F’telefonata, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken ħeġġeġ lill-President Tuneżin għal djalogu miftuħ mal-politiċi fil-pajjiż u anki ċ-ċittadini.
L-Unjoni Ewropea ħeġġet lill-partijiet kollha biex jevitaw il-vjolenza u jsolvu l-kunflitti b’rispett lejn is-saltna tad-dritt.