Il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Iratxe García Pérez, u d-Deputat Mexxej Laburista u Ewroparlamentari Alex Agius Saliba kitbu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, biex jiċċaraw prekunċetti żbaljati li qed jinxterdu mill-Partit Nazzjonalista dwar ir-riforma mressqa mill-Gvern fl-inkjesti maġisterjali f’Malta.
L-ittra tispjega li r-riformi li qed jiġu implimentati huma ibbażati fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li f’rapport ippubblikat f’Diċembru tal-2018, kienet tat il-parir li l-inkjesti għandhom jiġu mibdija mill-prosekutur u mhux mill-ġudikatura.

Il-Kummissjoni Venezja, li investigat ir-riformi fil-proċessi ġudizzjarji f’Malta, għamlet rakkomandazzjonijiet simili f’Novembru 2013.
Fl-ittra, il-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi saħqet li kwalunkwe reviżjoni bħal din tagħti iżjed potenzjal lir-riformi proposti għat-tisħiħ tas-sistema tal-ġustizzja ta’ Malta aktar milli perspettiva ispirata biss minn affirmazzjonijiet motivati politikament.
Bħalissa, is-sistema fis-seħħ tħalli individwu jibda investigazzjoni fuq individwu ieħor mingħajr ma jagħti provi biex jissostanzjaw t-talba tiegħu. Minħabba f’hekk qed ikun hawn abbużi fejn allegazzjonijiet isiru bl-iskop li jżebilħu r-reputazzjoni ta’ persuni innoċenti u l-familji tagħhom.
Ir-riformi li se jiġu implimentati dalwaqt se jiżguraw li individwi jakkumpanjaw t-talba tagħhom bi provi u joqogħdu lura milli jagħmlu talbiet spekulattivi.
Il-Pulizija, li għandha l-aħjar għodda biex tinvestiga, se tkun qed tibda tinvestiga r-reat allegat. Individwi xorta waħda se jkollhom id-dritt li jirreferu l-każ direttament lill-Qorti jekk il-Pulizija jonqsu milli jieħdu passi fi żmien sitt xhur.