Waqt li kienet qed tindirizza il-Konferenza Nazzjonali tad-Dijabete bl-isem ‘Type 2 Diabetes Across the World: the 21st Century Epidemic’, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li studju riċenti msejjaħ ‘Saħħtek,’ jistabbilixxi li wieħed minn tmien adulti Maltin bejn l-età ta’ 25 sena u 64 sena, isofru mid-dijabete.
Hija qalet li kważi għaxart elef minn dawn lanqas huma konxji li għandhom id-dijabete. Il-President ikkwotat ukoll lis-Sur Charles Delicata, Chairman tal-European Coalition for Diabetes u Viċi-President tal-Malta Diabetes Association, li jgħid li f’Malta għandna madwar erbgħin elf ruħ li jgħixu bid-dijabete.
“Huwa għalhekk li nemmen li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet tagħna jieħdu l-opportunità li jesploraw il-possibilità li nagħtu bidu għal screening nazzjonali,” tenniet il-President.
Il-President Coleiro Preca stqarret li d-dijabete hija problema nazzjonali, u għaldaqstant teħtieġ soluzzjoni nazzjonali. Tenniet ukoll li l-aqwa tama li għandna għall-prevenzjoni tad-dijabete f’Malta, fl-Ewropa u lil hinn, huwa li ninvestu aktar f’opportunitajiet akbar ta’ edukazzjoni u awareness, biex in-nies ikunu jistgħu jkunu aktar sensibilizzati fuq il-ħtieġa li, jieħdu ħsieb saħħithom u l-wellbeing tagħhom, permezz tal-prevenzjoni.
Coleiro Preca raddet ħajr lill-Assoċjazzjoni tad-Dijabete Maltija, li b’mod volontarju torganizza kampanji edukattivi u ta’ awareness, u lill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina li jaħtfu kull opportunità biex jagħmlu testijiet tad-demm, f’bosta avvenimenti pubbliċi li jorganizzaw, bil-għan li jkabbru l-għarfien dwar id-dijabete, u jgħinu fl-identifikar tal-kundizzjoni.
Il-President Coleiro Preca appellat “biex ikollna aktar sinerġiji b’saħħithom bejn l-awtoritajiet relevanti, l-attivisti fi ħdan is-soċjetà ċivili, u l-professjonisti biex, is-soċjetà Maltija tkompli tiżviluppa edukazzjoni u t-tkabbir tal-kuxjena, u li jkollna sistemi ta’ response f’waqtu għall-ħtiġijiet tal-Maltin kollha li jgħixu bid-dijabete f’Malta.”
Il-President wriet is-sodisfazzjon tagħha għal ħafna xogħol siewi li sar matul is-snin, u żviluppi oħra li seħħew, anke riċentement, fis-sistema kif tiġi immaniġġjata l-kundizzjoni tad-dijabete mill-awtoritajiet tagħna, iżda qalet li “bla dubju ta’ xejn, nafu li għad fadal xi jsir.”