Il-President Marie-Louise Coleiro Preca, temmen, li b’mod immedjat, Malta għandha bżonn policy komprensiva biex telimina kull tip ta’ vjolenza fuq it-tfal.
L-appell tal-Eċċellenza Tagħha kien imtenni ukoll mill-istakeholders u esperti waqt laqgħa fil-magħluq li saret din il-gimgħa fil-Palazz ta’ San Anton. Il-laqgħa saret b’antiċipazzjoni għall-konferenza globali ta’ livell għoli, intitolata: The Universal Prohibition of Corporal Punishment, li ser issir f’Malta bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju.
“Fi żmieni, li ssawwat it-tfal kienet forma ta’ dixxiplina aċċetta – dak iż-żmien għadda, wasal iż-żmien li din il-prassi tieqaf. Is-Swat tal- Ġisem huma marbuta partikolarment mat-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna, għalhekk hemm bżonn l-impenn ta’ kulħadd biex inkunu nistgħu nassiguraw lill-vjolenza fuq it-tfal tiġi eliminata darba għal dejjem.” Dan intqal mill-President Coleiro Preca lil dawk preżenti.
“Il-leġiżlazzjoni hija importanti, imma mhux biżżejjed. Hemm bżonn li jiġu imfassla policies fit-tul li jinkludu b’mod ħolistiku kull strata tas-soċjetà biex inbiddlu din l-atitudni b’mod definittiv. Hemm ukoll, bżonn urġenti li jiġu introdotti għodod biex inkunu nistaw nevalwaw l-effettività tas-servizzi li jiġu pprovduti f’dan il-qasam,” kompliet tgħid il-President.
L Eċċellenza Tagħha Coleiro Preca qalet li bill-preżenza tal-komunità internazzjonli f’Malta, wasal il-ħin biex niżguraw li miżuri deċiżivi jiġu mittieħda biex ikollna policy komprensiva li tipproteġi u tiggarantixxi ambjent sigur għat-tfal. Is-suġġetti li ġew diskussi waqt il-laqgħa ta’ din il-gimgħa se jkunu qegħdin jiġu diskussi waqt il-konferenza globali.
Aktar minn 100 delegat, minn madwar id-dinja se jkunu qegħdin jattendu din il-konferenza ta’ livell għoli ġewwa Malta. Il-konferenza se tkun ospitata mill-Fondazzjoni tal-President Għall-Ġid tas-Soċjetà, u se nkun miftuħa minn Marta Santos Pais, ir-Rappreżentanta Speċjali tal-Ġnus Magħquda kontra il-Vjolenza fuq it-Tfal.
Waqt il-konferenza, li qed tiġi organizzata mill-Uffiċju tal-President, il-Ministeru għad-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, se jkun hemm erbgħa gruppi fejn se jiġu diskussi suġġetti varji. Dawn jinkludu l-iżviluppar u t-tittjib ta’ skills u gwidi għall- professjonisti li jaħdmu mat-tfal jew għat-tfal; kampanji ta’ tgħarif u informazzjoni immirati biex jimmobilizzaw is-soċjetà; priorità fuq prevenzjoni; u li tiġi imfassla leġislazzjoni komprensiva.
Il-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda jiddefinixxi swat tal-ġisem bħala: “Kull tip ta’ piena fejn il-forza fiżika hija użata, u tkun intenzjonata biex tipprovoka xi tip ta’ ugigħ jew skomfort, zgħir kemm hu zgħir. Li generalment jinvolvi, daqqiet, daqqiet ta’ ħarta u swat lit-tfal bl-idejn jew bl-għajnuna ta’ xi oġġett.”
Barra minn hekk, jeżistu forom oħra ta’ penitenzi li mhumiex fiżiċi, iżda li huma ugwalment krudili, u inkompatibbli mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda, bħall- penitenzi li jiddisprezzaw, jumiljaw, jiddenegraw, jeddhu, jbeżgħu jew jirridikolaw lit-tfal.