Il-President Coleiro Preca hija mħassba dwar id-dibattiti polarizzati li qed isiru dwar l-emendi għal liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni. Dan it-tip ta’ dibattitu ma jgħinx kostruttivament biex jiġu mifhuma b’mod ħolistiku l-implikazzjonijiet umani, soċjali, etiċi u mediċi.
It-trattament tal-IVF huwa suġġett delikat li jinħtieġ li jkun diskuss f’ambjent seren, li jibbilanċja l-qsim il-qalb li jiffaċċjaw koppji bla tfal, ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrjuni.
Il-President Coleiro Preca hija mħassba bl-ostilità li sfortunatament qed toħroġ minn dibattiti pubbliċi. Il-President qed tappella għall-kalma u għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex il-vuċijiet kollha jinstemgħu.
Il-President Coleiro Preca qed toffri li timmedja. Qed tistieden il-parlamentari, is-soċjetà ċivili, u l-stakeholders kollha biex jiġu flimkien madwar il-mejda biex ikollhom dibattitu nfurmat li jgħaqqad flimkien, il-konsiderazzjonijiet etiċi u morali ma’ l-għarfien xjentifiku għal liġi li tkun tirrifletti b’mod sħiħ il-potenzjal mediku u l-implikazzjonijiet pozittivi u negattivi għas-soċjetà.