Ir-rabtiet eċċellenti bejn Malta u l-Italja kienu diskussa waqt laqgħa bejn il-President Taljan Sergio Mattarella u l-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat kienet imfissra bħala speċjali, biex Malta u l-Italja, bħala żewġ pajjiżi bi sfidi simili, iressqu pożizzjonijiet komuni fuq kwistjonijiet importanti.
Sfida li fuqha Malta u l-Italja jaħdmu sew flimkien hija l-immigrazzjoni. Problema li, fi kliem Dr Muscat, mhijiex biss umanitarja imma anke waħda ta’ sigurtà. Hija sfida mondjali, u mhux ta’ stat wieħed. Iż-żewġ naħat semmew id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea li tirrifjuta l-oġġezzjonijiet tal-Ungerija u l-Islovakkja għall-qsim tal-piż bi kwoti tal-immigrazzjoni, u fissruha bħala importanti politikament. Il-Prim Ministru Muscat qal li kif Malta żammet kelmtha fuq il-kwoti, hekk ukoll għandhom jagħmlu l-pajjiżi l-oħra Ewropej, filwaqt li l-President Mattarella qal li Malta qed tieħu rwol deċiżiv quddiem din l-isfida fil-Mediterran.
Il-Libja hija kruċjali biex ikun hemm stabbiltà fir-reġjun. Għalhekk, il-President Taljan u l-Prim Ministru Malti qablu li għandu jissaħħaħ id-djalogu biex il-partijiet differenti fil-Libja jkunu jistgħu jaħdmu b’mod inklussiv. Bl-istess mod hija deċiżiva r-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-kontinent Afrikan kollu.
Tema oħra diskussa kienet il-konnettività tal-enerġija. Dr Muscat semma l-importanza tar-rabta bejn Malta u l-Italja għall-elettriku, u kif issa għaddej ix-xogħol biex issa jkun hemm rabta oħra bil-pipeline tal-gass. Il-Prim Ministru semma l-viżjoni tal-Gvern biex jibda konsultazzjoni għall-eliminazzjoni fuq medda ta’ snin tal-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel, impenn li ntlaqa’ b’mod pożittiv ħafna mill-President Taljan.
Tkellmu wkoll dwar ir-rabtiet kummerċjali bejn Malta u l-Italja li qed iwasslu għal vantaġġi għaż-żewġ naħat. Il-President Mattarella sejjaħ bħala impressjonanti r-riżultati li qed tikseb Malta fil-qasam ekonomiku. Iż-żewġ naħat qablu li l-Ewropa issa trid issaħħaħ id-dimensjoni soċjali tagħha.
Intant, il-President Mattarella feraħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat għas-sitt xhur li matulhom mexxa l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’mod eżemplari.