Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky akkuża lill-partit Georgian Dream li qed jimbotta lill-Georgia lejn dipendenza fuq ir-Russja u qal li qed jaħdem ma’ alleati Ewropej u oħrajn biex iħejji sanzjonijiet kontra l-gvern Ġorġjan.
F’indirizz li għamel ilbieraħ filgħaxija, Zelensky qal li s-sitwazzjoni fil-Georgia mhix biss hi l-problema ta’ nazzjon wieħed u lanqas tar-reġjun hekk kif il-gvern attwali fil-Georgia qed jimbotta lill-pajjiż f’dipendenza ċara fuq ir-Russja u huwa tassew tal-mistħija l-azzjonijiet li qed jieħu kontra l-poplu tiegħu stess.
Din id-dikjarazzjoni waslet hekk kif eluf reġgħu ħarġu fit-toroq għas-seba’ lejl ta’ protesti kontra d-deċiżjoni tal-gvern li jissospendi n-negozjati dwar is-sħubija tal-Georgia fl-Unjoni Ewropea. Il-poplu Ġorġjan li qed jinġabar fil-kapitali, qal li se jibqa’ jipprotesta sakemm jintlaqgħu t-talbiet tagħhom u l-Georgia tissokta bil-pjanijiet li tingħaqad mal-Unjoni Ewropea.
Dimostranti bi bnadar tal-Georgia u l-Unjoni Ewropea armati b’lasers u sfafar inġabru quddiem il-Parlament iżda kontra dak li ġara fil-jiem preċedenti, il-pulizija tal-irvellijiet ma intervenewx.
Matul l-aħħar sitt ijiem il-pulizija tal-irvellijiet użaw kanuni tal-ilma u gass tad-dmugħ biex iferrxu d-demostranti li minn naħa tagħhom tefgħu logħob tan-nar lejn uffiċjali tal-pulizija u bnew barrikadi fit-triq prinċipali tal-belt kapitali tal-Georgia Tbilisi.
Mill-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra, mill-anqas 300 demostrant kienu arrestati u mija oħra kienu rikoverati għall-ġrieħi li ġarrbu.
Il-pulizija arrestaw ukoll lil wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni tal-pajjiż. Infatti il-Partit Coalition for Change qal li l-pulizija għamlet rejd fl-uffiċini tagħhom u arrestaw lill-mexxej Nika Gvaramia. Filmat li kien rilaxxat mill-istess partit juri lil pulizija jkaxkru lil Gvaramia f’karozza b’leħen jinstema’ jgħajjat “Għalfejn qed tkaxkruh? X’qed tagħmlu? Qed iħossu ħażin. Ċemplu l-ambulanza. Intilef minn sensih”
Il-midja lokali rrappurtaw li l-pulizija għamlu rejds f’diversi uffiċini oħra ta’ gruppi li jinsabu fl-oppożizzjoni kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Aktar kmieni, il-Prim Ministru tal-partit Georgian Dream Irakli Kobakhidze, kien akkuża lill-oppożizzjoni b’attentat ta’ rivoluzzjoni u qal li r-rejds kienu mmirati lejn dawk li kienu qed jinstigaw l-vjolenza waqt il-protesti bit-tentattiv li jwaqqgħu l-gvern tiegħu.