Il-President tal-Qorti tal-Verifika tas-Slovenja Tomas Vessel għamel żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u kellu diskussjoni mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara dwar diversi temi komuni għaż-żewġ pajjiżi. It-tnejn għamlu referenza għaċ-ċirkustanzi simili li qed jiżdiedu fiż-żewġ stati membri żgħar fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Saru referenzi wkoll għall-għanijiet u għall-objettivi komuni taż-żewġ entitajiet partikolarment il-promozzjoni tal-valuri fundamentali ta’ kontabilità u ta’ trasparenza mas-settur pubbliku kollu biex fl-aħħar mill-aħħar jagħtu garanzija lill-parlamenti u liċ-ċittadini rispettivi tagħhom li l-fondi pubbliċi qed jintużaw fl-aħjar mod possibbli u skont il-liġijiet u r-regoli finanzjarji.
Fid-dawl ta’ dawn is-similaritajiet, matul il-laqgħa ġew diskussi il-possibilitajiet ta’ kooperazzjoni bejn dawn it-tnejn fix-xogħlijiet tagħhom fil-ġejjieni. Fost il-proposti msemmija kien hemm il-bdil ta’ staff bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ta’ verifika statali, fejn awdituri ta’ naħa jipparteċipaw b’mod attiv ma’ awdituri ta’ naħa oħra f’xogħlijiet assenjati.
Is-Sur Vessel kien akkumpanjat minn Dr Dijana Mozina Zupanc, Kap tal-Kabinett tal-President u Helena Lovse, Konsulent tar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Id-delegazzjoni mistiedna attendiet għal seminar konġunt bit-tema, ‘Audit follow-up in the Public Sector: Enhancing Accountability’, organizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) u mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).