L-Air Malta sejħet allegazzjonijiet li għamel il-President tal-ALPA Dominic Azzopardi “totalment infondati u li huma maħsuba biss biex jħammġu r-reputazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, il-Management u l-impjegati leali tal-Air Malta.”
Il-kummenti ta’ Azzopardi saru waqt laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu ma rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Air Malta. Laqgħa li għaliha attendew membri tal-unions tal-piloti, l-inġiniera l-cabin crew kif ukoll membri tal-General Workers’ Union.
Azzopardi kien irrapportat jgħid: “Irridu nsiru nafu li n-nies li jużaw is-servizz qed iħallsu għalih. Hemm €200 miljun fi dħul. Xi wħud mhux qed jħallsu għas-servizz li qed jieħdu. L-ajruplani huma dejjem mimlija bil-merkanzija. Fejn qed jmorru l-flus?”
Il-linja tal-ajru tħoss li dawn huma allegazzjonijiet serji dwar qasam tal-merkanzija u titlob lis-Sur Azzopardi li pubblikament minnufiħ jirtira jew jissostanzja dawn l-allegazzjonijiet b’fatti rilevanti fi żmien 24 siegħa.
Fin-nuqqas ta’ dan, l-Air Malta qalet li se tieħu azzjoni legali kontrih.