Tkompli ż-żjara tal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz hawn Malta.
Wara li ltaqa’ mal-President Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz tal-President, f’San Anton, il-President tal-Parlament Ewropew ingħata merħba mill-Prim Minsitru Joseph Muscat f’Kastilja.
Hawn iffirma l-ktieb tal-viżitaturi, kif tista’ tara fir-ritratt, u wara skambju ta’ kliem ta’ merħba bdew taħdidiet bilaterali.
Il-Prim Ministru Malti rringrazzja lil Shulz taż-żjara tiegħu u tkellem dwar il-viżjoni Maltija għall-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, li ddekriviha bħala strateġija ta’ kontinwazzjoni tad-dokumenti mressqa s’issa, li se ssir b’ħidma konġunta mal-Olandiżi u l-Islovakki.
Joseph Muscat qal li jeħtieġ li issa tibda tittieħed azzjoni fuq diversi kwistjonijiet; huwa żmien meta l-Unjoni Ewropea tinsab f’salib it-toroq u hemm bżonn deċiżjonijiet importanti dwar il-migrazzjoni, is-suq waħdani u s-sigurtà fis-suq diġitali. Malta se tkun qed tara li jsir progress f’dawn l-oqsma. Pajjiżna ltaqa’ ma’ mexxejja Ewropej u nnota li hemm strutturi li dwarhom il- ħsibijiet huma komuni. Żied jgħid li jittama li l-Parlament Ewropew ikun alleat.
Martin Schulz qal li se jkunu sitt xhur ta’ sfida. Saħansitra qal li l-Unjoni Ewropea qatt ma kellha sfidi quddiema daqs illum, u għalhekk hija presidenza fi żmien kruċjali.
Faħħar il-fatt li Malta huwa pajjiż immexxi minn Prim Ministru li serva fil-Parlament Ewropew u għalhekk iħares ‘l quddiem li jaħdem ma’ xi ħadd ta’ esperjenza. Qal li dan diġa’ huwa vantaġġ kbir.
“Irridu presidenza li tkun suċċess” sostna Shulz, filwaqt li qal li l-qafas għal ħidma f’dan ir-rigward diġa’ qiegħed hemm, però jeħtieġ jissaħħaħ.
Malta l-iżgħar pajjiż, tenna Shulz, imma dak huwa irrelevanti. Osserva wkoll li din kienet l-aħħar konferenza għalih u għażel li jagħlaq l-esperjenza tal-Parlament Ewropew mal-Prim Ministru Malti.
Martin Shulz iffirma l-ktieb tal-viżitaturi f’Kastilja
Delegazzjoni li tirrappreżenta l-Parlament Ewropew u delegazzjoni Maltija jinsabu f’diskussjonijiet bħalissa. Se ssegwi konferenza tal-aħbarijiet.