L-allegazzjonijiet serjissimi li għamel id-Deputat Nazzjonalista David Agius dwar il-korruzzjoni fil-futbol tkisser il-kredibbiltà tax-xogħol li jsir mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA. Innota dan il-President tal-istess MFA, Bjorn Vassallo waqt programm sportiv fuq ix-xandir nazzjonali.
Hu nnota li fl-2015, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol kienet ħolqot l-Anti-Corruption Task Force u dan wara li saret konsultazzjoni wiesa’, inkluż mal-Partit Nazzjonalista stess.
“Kellna problemi u allura ridna nagħmlu xi ħaġa u ħloqna din it-taskforce, fejn magħna poġġew magħna fuq il-medja ż-żewġ partiti politiċi, poġġew il-Pulizija, poġġiet l-MGA, SportsMalta u għamilna riżoluzzjoni u ħloqna flimkien, apparti l-aspett edukattiv, ħloqna flimkien dik li hi liġi ġdida, li marret quddiem il-Parlament, ġiet approvata u llum teżisti grazzi għall-inizjattiva tal-MFA.”
Hu spjega li din il-liġi għandha deterrent qawwi u kien hemm min weħel il-ħabs.
“Qabel konna nisimgħu bi kwistjoni ta’ korruzzjoni u l-affiljat fil-futbol, ikun xi jkun, futboler, uffiċjal, weħel sentenza sospiża u jien personali kont ngħid kif tridhom in-nies jaqgħtu lura jekk nwaħħlu s-sentenzi sospiżi. Il-liġi nbidlet, il-liġi għandha deterrent, jekk tkun tirrappreżenta n-nazzjonal, l-aggravju jikber, id-deterrent jikber, in-nies marru l-ħabs, il-match fixing, safejn naf jien, qtajnih.”
Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport aktar kmieni dan ix-xahar, David Agius, li llum hu wkoll kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kien allega li r-rebbieħ tal-ogħla kampjonat tal-futbol Malti għal din is-sena diġà magħruf, waqt li implika kif il-logħbiet ikunu mixtrijin.
Waqt il-programm fuq ix-xandir nazzjonali, Vassallo wkoll fakkar li l-MFA ħarġet stqarrija dwar dan id-diskors ta’ Agius.
Wara dik l-allegazzjoni ta’ David Agius, ONE News ukoll kien staqsa lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u t-tweġiba tiegħu kienet li l-Kelliem tiegħu għandu jevalwa l-informazzjoni li għandu, imbagħad jaġixxi.