Fl-aħħar ħinijiet, qabel intemmet iż-żjara statali tiegħu f’pajjiżna, il-President tal-Latvja, Edgars Rinkēvičs, kellu l-opportunità li jiddawwar fost l-attrazzjonijiet ewlenin tal-Belt Valletta, fejn żar il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Barrakka ta’ Fuq.
Din iż-żjara Presidenzjali fil-kapitali temmet tlett ijiem li fihom il-President Latvjan iltaqa’ mal-President Malti George Vella, mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u ċ-Chairman-in Office tal-OSCE, Ian Borg.
Matul dawn il-laqgħat, il-President Latvjan faħħar ix-xogħol li Malta għamlet quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u b’mod speċjali għall-ħatra fit-tmexxija tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, fejn saħaq li din il-ħatra se tkun għodda biex tassisti tfal Ukreni maħtufa biex jirritornaw lura mal-familji tagħhom.
L-Erbgħa filgħodu, il-President tal-Latvja żar il-Kon-Katidral ta’ San Gwann fejn kien milqugħ mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici. Hawnhekk ingħata aktar tagħrif dwar dan il-ġojjell Malti mill-kuratur tal-Kon-Katidral, Anthony Casha.
Wara, il-President Rinkēvičs u d-delegazzjoni tiegħu mxew sal-Barrakka ta’ Fuq fejn iltaqa’ mill-ġdid mal-President George Vella u, waqt li gawdew il-veduta spettakolari tal-Port il-Kbir, kienu preżenti għall-isparar tal-kanuni ta’ nofsinhar.
F’kummenti lil ONE News, dwar din iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, Rinkēvičs kellu biss kliem sabiħ.
“Excellent, I think that one word I can say is that State visits are great occasions for very symbolisim for reaffirming close political, and economic goals but also it is a great opportunity to see the country more than you would normally do under working reasons.”