Il-President tal-Latvja, Edgars Rinkēvičs, jinsab f’Malta għal żjara statali ta’ tlett ijiem. Hu ntlaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton.
Kien għal ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-President tal-Latvja ġie milqugħ fil-bitħa tal-Palazz ta’ San Anton, mill-President Malti, il-Prim Ministru Robert Abela, membri tal-Kabinett u l-Korp Diplomatiku.
Membri mill-Forzi Armati ta’ Malta daqqew l-innijiet nazzjonali kemm tal-Latvja u wara l-innu nazzjonali Malti.
Wara ż-żewġ Presidenti spezzjonaw il-gwardja tal-unur.
Meta indirizzaw lill-ġurnalisti, iż-żewġ Presidenti kkonfermaw ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Latvja. Intqal li ddiskutew opportunitajiet biex ikomplu jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet diplomatiċi, li bdew 34 sena ilu.
Iż-żewġ Kapijiet ta’ Stat tkellmu dwar l-isfidi li għaddejjin, fosthom bil-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani. Il-President Malti semma kif pajjiżna qed tindirizza dawn l-isfidi fil-kapaċità tagħha permezz tas-siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u issa anke bil-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
Tkellmu dwar kif iż-żewġ pajjiżi se jibqgħu jsostnu biex tispiċċa l-Gwerra fl-Ukrajna u jgħinu lil dan il-poplu. Dan anke kif maqbul fis-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew permezz ta’ għajnuna ta’ €50 biljun minn fondi Ewropej.
Dwar il-Lvant Nofsani, il-President Vella qal li s-sitwazzjoni f’Gaza mhi sabiħa xejn, fejn diġà nqatlu eluf ta’ persuni. Intqal li d-djalogu hu importanti biex jitwaqqaf dan il-konflitt, anke f’istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Unjoni Ewropea.
Tkellmu wkoll dwar il-migrazzjoni, li hi ta’ sfida għall-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-reġjun tal-Mediterran.
Il-President tal-Latvja tkellem dwar kif din iż-żjara qed issir fl-għoxrin anniversarju minn meta Malta u l-Latvja saru stati membri tal-Unjoni Ewropea.
Għal laqgħa bilaterali kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Malti, Ian Borg.
Fil-Palazz ta’ San Anton saret ukoll ċerimonja ta’ bdil ta’ dekorazzjonijiet, fejn il-President Malta ta s-Sħubija Onorarja tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu fil-Grad ta’ Kumpann tal-Unur b’Kullar lill-President Rinkēvičs.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Latvja ta Kmandant tas-Salib tal-Ordni tat-Tliet Stilel bil-Katina tal-Ordni lill-President Malti.