Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker beda bl-impenji tiegħu hawn Malta.
Dalgħodu wasal il-Palazz ta’ San Anton fejn iltaqa’ mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro tkellmet dwar il-viżjoni tagħha u x-xewqa li l-Ewropa tkun aktar magħquda. Spjegat kif tixtieq li l-Unjoni Ewropea tkun aktar għan-nies.
Fil-preżenza ta’ Junker u l-kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej, il-President ta’ Malta appellat biex id-dinjità u l-paċi jkun fiċ-ċentru u aktar effettivi fil-politika tal-Unjoni Ewropea.
Malta hija pajjiz zgħir imma b’ambizzjoni kbira.
Kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Junker
Qal li f’ Malta jinħass sens ta’ impenn u nnota li Malta tinsab preparata sew għall-Presidenza , li se tkun ta’ suċċess.
Innota kif waqt l-Presidenza Maltija, l-Unjoni Ewropea se tkompli tifhem l-progress li trid tagħmel.
Wara li l-President ta’ Malta u l-President tal-Kummissjoni Ewropea indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, Juncker se jkun qed jiltaqa’ mal-Kabinett tal-Ministru fil-Palazz il-Belt Valletta, fejn se jaslu wkoll Kummissarji Ewropej.
Wara, l-Prim Ministru Joseph Muscat jilqa’ lil Jean-Claude Juncker fil-Berġa ta’ Kastilja. Hemm se jsiru laqgħat bilaterali u tkun indirizzata konferenza tal-aħbarijiet.
Aktar tard wara nofsinhar, Juncker jiltaqa’ mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Maltija u c-Chairpersons tal-Kumitati Parlamentari.
Fil-ħamsa u nofs issir laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk.
Filgħaxija jsir l-ispettaklu li se jinawgura l-bidu tal-Presidenza Maltija.