Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qed iżżur għat-tielet darba l-Ukrajna minn mindu bdiet il-gwerra mar-Russja aktar minn sitt xhur ilu.
Hija ħabbret li se tagħmel dan waqt id-diskors annwali tal-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, li sar l-Erbgħa.
Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, von der Leyen qalet li l-Unjoni Ewropea se tkompli tkun ta’ spalla għall-poplu Ukren, fosthom billi tgħin biex jitranġaw skejjel li ġġarrfu minħabba l-gwerra.
F’dan id-diskors, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li, flimkien mal-President Zelensky u l-Prim Ministru Ukren, Denys Shmyhal, se tibda t-triq sabiex l-Ukrajna tingħaqad mas-suq uniku tal-Unjoni Ewropea.
Fil-kapitali Kiev, Von der Leyen iltaqgħet mal-President Ukren, Volodymr Zelensky u flimkien indirizzaw konferenza stampa.
F’din il-konferenza, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, wegħdet lill-Ukreni li, sakemm tintemm il-gwerra, se jsibu id f’id magħhom lil Brussell.
Minn naħa tiegħu, Zelensky talab li l-Ukrajna tingħaqad mas-suq uniku tal-Unjoni qabel ma tingħaqad bis-sħiħ bħala Stat Membru, proċess li wkoll beda.
Aktar kmieni, fuq Twitter, Von der Leyen irrimarkat ;i ħafna affarijiet inbidlu fl-Ukrajna hekk kif dan il-pajjiż issa huwa kandidat biex isir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-President Ukren onora lill President tal-Kummissjoni Ewropea bil-premju għoli ta’ Yaroslav l-Għaref. Hija aċċettat il-premju f’isem iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u ddeskrivietu bħala turija tar-relazzjoni li l-Ukrajna għandha mal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Ukren, imbagħad, fuq Twitter ħabbar ukoll li l-Parlament Ewropew adotta pjan ta’ ħames biljun ewro f’għajnuna diversifikata. Huwa rringrazzja lil Parlamentari Ewropej kollha li qegħdin jiefqu mal-Ukrajna f’dan iż-żmien.
Intant, b’rabta mad-dħul tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li dan il-proċess jista’ jieħu diversi deċennji.
Fil-futur qarib, probabbilment l-Ukrajna se tkun qed titlob aktar għajnuna finanzjarja u militari, b’mod speċjali wara l-kontrattakk li permezz tiegħu qed tieħu lura artijiet minn taħt idejn l-armata Russa – kontrattakk li, iżda, jitlob id-disponibbiltà ta’ ħafna armamenti.