Fil-Korea t’Isfel il-leġiżlaturi talbu għall-impeachment tal-President Yoon Suk Yeol wara li l-ewwel iddikjara liġi marzjali u rtiraha ftit sigħat wara – mossa li wasslet għall-akbar kriżi politika f’għexieren ta’ snin f’dik li hija r-raba’ l-akbar ekonomija Ażjatika.
Kmieni L-Erbgħa filgħodu l-Gvern tal-Korea t’Isfel neħħa l-liġi marzjali ta’ emerġenza imposta mill-President Yoon Suk Yeol tard it-Tlieta. Din kienet l-ewwel dikjarazzjoni tal-liġi marzjali f’aktar minn erba’ deċenji minn meta l-pajjiż kien ikkontrollat minn dittatorjat.
Il-President kien iddikjara li l-unika mezz biex jipproteġi lil pajjiż mill-forzi komunisti tal-Korea ta’ Fuq u jelimina elementi anti statali kien hemm bżonn li tiddaħħal il-liġi marzjali. Iżda għalkemm kien qed juża l-Korea ta’ Fuq bħala raġuni, din id-deċiżjoni ntqal li ittieħdet bħala risposta għall-pressjoni domestika u sensiela ta’ skandali. Inqas minn sagħtejn wara din id-dikjarazzjoni, il-Membri Parlamentari sfidaw lill-President Yoon Suk Yeol u nġabru fl-Assemblea Nazzjonali biex ivvutaw kontra din id-deċiżjoni.
Barra l-assemblea kien hemm protesti kbar u kien hemm persuni li qabżu l-barrikadi u ċnut biex jippruvaw jidħlu ġewwa fejn kellha wkoll tintervjeni l-pulizija.
Il-liġi, li tneħħiet formalment għall-ħabta tal-4:30 ta’ filgħodu ħin lokali, kienet fis-seħħ għal madwar sitt sigħat. F’indirizz il-President qal li l-Parlament talab it-tneħħija tal-liġi marzjali u għalhekk kien ordna l-irtirar tal-forzi militari skjerati għal dan il-għan. Madankollu huwa talab sabiex il-Parlament iwaqqaf immedjatament l-azzjonijiet, skontu, imprudenti li kienu qed jipparalizzaw il-funzjonijiet tal-istat bħal l-impeachment ripetut, manipulazzjoni leġislattiva u l-manipulazzjoni tal-baġit.
Ġeneralment liġi marzjali tkun invokata fi żmien ta’ gwerra jew ribelljoni ta’ diżastru naturali. Meta din il-liġi tkun fis-seħħ, il-militar jieħu l-kontrol tal-pajjiż mill-awtoritajiet ċivili u jkollu s-setgħa li jagħmel u jinforza l-liġijiet li jidhirlu hu u jiġu sospiżi l-liġijiet eżistenti kollha.
Issa fil-jiem li ġejjin mistenni jibda d-dibattitu segwiet minn vot tal-Membri Parlamentari dwar l-impeachment tal-President. Jekk dan ikun approvat Yoon Suk Yeol jitressaq ġuri fil-qorti kostituzzjonali li potenzjalment tneħħih mill-kariga.