Il-President Amerikan Joe Biden ħareġ maħfra Presidenzjali lil ibnu Hunter li dan ix-xahar kien qed jiffaċċja sentenza mill-Qorti Federali dwar diversi akkużi ta’ evażjoni tat-taxxa u anke armi wara li ammetta ħtijietu.
Aktar qabel Biden kien iddikjara li ma kienx se joħroġ din il-maħfra u lanqas ibiddel is-sentenza iżda l-Ħadd filgħaxija huwa qal li filwaqt li kien jemmen fis-sistema ġudizzjarja, il-politika kienet infettat il-proċess u għalhekk wassal għall-falliment ta’ eżekuzzjoni korretta.
Hunter Biden kien wieġeb ħati ta’ evazzjoni ta’ taxxa f’Settembru u kien ġie misjub ħati ta’ użu illegali ta’ sustanzi projbiti u bil-pussess ta’ arma tan-nar f’Ġunju. Huwa kien l-ewwel iben ta’ President tal-Istati Uniti fil-kariga li kien ikkundanat u misjub ħati ta’ att kriminali.
Il-President elett Donald Trump ikkumenta li din il-maħra hija abbuż ta’ poter u nuqqas fil-konfront tas-sistema ġudizzjarja filwaqt li xi Repubblikani għajru lil Biden “giddieb”.