Il-President Amerikan Donald Trump wissa li kwalunkwe pajjiż li jinnegozja mal-Iran mhux se jkolli ċ-ċans jinnegozja mal-Istati Uniti. Dan wara li komplew is-sanzjonijiet fl-aħħar ħin.
Iktar kmieni, il-President Iranjan Hassan Rouhani kkundanna lill-Istati Uniti wara li komplew joħorġu sanzjonijiet kontra pajjiżu
“Din hija gwerra psikoloġika li għandha l-għan toħloq firdiet fost l-Iranjani”, sostna l-President Iranjan li meta ħa l-poter kien meqjus bħala wieħed moderat.
Il-President Amerikan iffirma ordni eżekuttiva li timponi sanzjonijiet immirati lejn l-industrija taż-żejt Iranjana.
L-Unjoni Ewropea tkellmet kontra dawn is-sanzjonijiet u spjegat kif hija se tkun qed tipproteġi kummerċ li jsir b’mod leġittimu mill-Iran.
Taħt il-Presidenza ta’ Barack Obama, l-Iran kien straħ mis-sanzjonijiet wara li kien hemm ftehim biex l-Iran jillimita l-attività nukleari tiegħu.