Il-President tal-Afrika t’Isfel ikkundanna r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar li saru fuq pajjiżu u l-pajjiżi l-oħra ġirien minħabba l-varjant il-ġdid Omicron.
Il-President Cyril Ramaphosa qal li jinsab iddispjaċut b’dawn l-azzjonijiet li ħadu bosta pajjiżi, u sejjaħ lill-mexxejja tagħhom sabiex b’mod immedjat jerġgħu jneħħu r-restrizzjonijiet.
Ir-Renju Unit, il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti kienu fost dawk li imponew restrizzjonijiet ta’ vjaġġar lejn bosta reġjuni tal-kontinent Afrikan.
Ramaphosa żied jgħid li f’pajjiżu m’hemmx nuqqas ta’ dożi ta’ vaċċin u hawnhekk reġa’ sejjaħ liċ-ċittadini sabiex jitlaqqmu għax b’hekk biss wieħed jista’ jkompli jiġġieled kontra dan il-virus.
Il-varjant il-ġdid, li qed jitqies mill-awtoritajiet bħala wieħed ta’ tħassib, inxtered b’mod mgħaġġel ħafna fl-Afrika t’Isfel u s’issa instabu xi każijiet fl-Olanda u l-Ingilterra.
Fid-dawl ta’ dan, il-midja internazzjonali rrappurtat kif il-Ġappun huwa wieħed mill-aħħar pajjiżi li reġa’ introduċa restrizzjonijiet stretti f’pandemija, fejn mhux ser ikun qed iħalli viżitaturi jidħlu mill-fruntieri Ġappuniżi mit-Tlieta.