Il-kwalità fl-istabbilimenti tal-catering hi kruċjali għall-‘Viżjoni Malta 2050’. Dan intqal mill-President tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, Michelle Muscat, waqt konferenza li ttellgħet mill-istess organizzazzjoni bl-isem ‘L-Istat tal-Industrija’ f’għeluq il-ħames snin mit-twaqqif tagħha.
Muscat semmiet li s-settur qed jiffaċċja bosta sfidi, iżda dawn setgħu kienu akbar li kieku l-Gvern ma għenx fil-pagi tal-ħaddiema waqt il-pandemija u wara anke żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u tal-qamħ, fost oħrajn.
Din tal-aħħar ukoll reġgħet ġiet estiża għal sena oħra bil-Baġit 2025.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, sostna li dan is-settur jgħin favur turiżmu ta’ kwalità, fejn il-Gvern u l-entitajiet tiegħu se jkomplu jinvestu fl-industrija turistika u tal-ospitalità, li hi tant kruċjali għall-ekonomija nazzjonali.