Il-President ta’ Malta ħatret lill-avukat Yana Micallef Stafrace bħala Maġistrat propju ftit tal-ħin ilu.
Micallef Stafrace hija t-tielet ġudikant li għaddiet mill-iskrutinju tal-kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura li evalwa l-eleġibilità u l-mertu tagħha qabel ma kien hemm approvazzjoni mill-kabinett. Il-kumitat huwa magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
Ħatra li ziedet in-numru ta’ nisa fil-Ġudikatura, li issa tela’ għal 20, li huwa 43% tal-membri kollha fil-Ġudikatura.
Hi ilha tipprattika bħala Avukat mill-1987. Okkupat karigi istituzzjonali taħt diversi amministrazzjonijiet fosthom bħala Chairperson tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, Chairperson tat-Tribunal Għal Talbiet Żgħar, Chairperson tat-Tribunal Industrijali kif ukoll membru tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.