Il-President Myriam Spiteri Debono se tkun qed tagħti l-patroċinju tagħha lit-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale, li se jseħħ is-sena li ġejja bejn il-11 ta’ Marzu u d-29 ta’ Mejju.
Bħal dak ta’ qablu, il-Malta Biennale 2026 se jittella’ fil-mużewijiet u f’siti storiċi ta’ Heritage Malta, fosthom dawk fil-Belt Valletta, fil-Birgu, fix-Xagħra u fiċ-Ċittadella, Għawdex.
Filwaqt li hemm għaddejja sejħa għal proposti artistiċi, jirriżulta li l-applikazzjonijiet minn artisti differenti diġà qabżu l-mija u ġejjin minn diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Grazzi għall-ewwel Malta Biennale, li sar is-sena l-oħra taħt il-patroċinju tal-President George Vella, pajjiżna tpoġġa fil-kalendarju dinji tal-arti kontemporanja wara li kiseb suċċess, b’numru ta’ ġurnali u rivisti internazzjonali jiktbu jfaħħruh.
Permezz tiegħu, il-kultura Maltija kompliet tiġi ċċelebrata, ikkumplimentata bil-wirjiet internazzjonali tal-arti li jkunu qed iseħħu fil-mużewijiet u s-siti storiċi Maltin.
Id-direttur artistiku tal-Malta Biennale 2026 se tkun Rosa Martínez, kuratriċi magħrufa internazzjonalment. Hi kkurat għadd ta’ biennali, inkluż il-Biennale prestiġjuż ta’ Venezja fejn kienet l-ewwel mara li kkurat dak il-biennale f’aktar minn 100 sena ta’ storja tiegħu.
It-tema tal-Malta Biennale 2026 hi ‘Tnaddaf, Tgħarraf, Tferraq’.
Din il-pjattaforma internazzjonali tal-arti kontemporanja hi mtella’ minn Heritage Malta bi sħubija mal-Kunsill Malti għall-Arti u b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, kif ukoll VisitMalta.