Il-proġett tal-pipe line tal-gass bejn Malta u Gela fi Sqallija kien fuq nett tal-aġenda bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Sqallin f’laqgħa importanti li saret f’pajjiżna.
Il-laqgħa ssegwi l-aħbar li fil-jiem li ġejjin se jibda x-xogħol fuq tliet studji meħtieġa biex jinkisbu l-permessi għall-bini tal-pipeline. L-istudji jinkludi r-rotta f’qiegħ il-baħar, l-effetti fuq l-ambjent u d-disinn għall-infrastruttura meħtieġa.
F’laqgħa f’Malta mal-President tar-Reġjun ta’ Sqallija Sebastiano Musumeci, il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi sostna li sa mill-bidu tal-proġett, il-Ministeru mbarka fuq eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika li kien jinkludi laqgħat fi Sqallija biex jiġi assigurat li t-tħassib tal-partijiet jiġi indirizzati fid-disinn tal-proġett. Fl-istess waqt assigura lill-President tar-Reġjun ta’ Sqallija li l-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ għaddej.
Fil-fatt huwa ppjanat li fix-xhur li ġejjin se jsiru laqgħat ta’ konsultazzjoni fi Sqallija biex jiġi spjegat il-progress li sar dwar il-proġetti u biex l-awtoritajiet Maltin jifhmu ahjar it-tħassib tal-Isqallin. Il-Ministru Mizzi qal li “l-iskop huwa li nurur r-rieda tal-Gvern Malti li nkomplu naħdmu mal-awtoritajiet Sqallin, u dan biex nassiguraw li dan il-proġett jintlaqa’ tajjeb minn kullħadd”.
Il-Ministru Mizzi qal li bħalissa għaddej studju dwar l-impatt ambjentali fuq l-art u f’qiegħ il-baħar biex jiġi assigurat li jittieħdu l-miżuri neċessarji u jiġu inklużi fid-disinn tal-proġett. Dan biex jiġi assigurat li l-proġett ikollu l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent naturali u marittimu ta’ Sqallija.
Il-proġett tal-pipeline tal-gass li mistenni jsir b’investiment ta’ €350 miljun, mistenni jitlesta fl-2024 u jara t-tneħħija tat-tanker tal-gass mill-port ta’ Marsaxlokk.