Il-President Marie-Louise Coleiro Preca, żaret il-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat mmexxija mill-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, wara t-traġedja li seħħet matul il-lejl. Il-President ġiet milqugħa mill-Gwardjan tal-Franġiskani, Father Martin Coleiro u mill-Provinċjal, Fr Richard Grech.
Il-President appellat lill-Maltin u Għawdxin biex f’mument bħal dan, jingħaqdu flimkien u jagħtu l-kontribut tagħhom kif jistgħu, anke permezz tal-kont bankarju li ġie maħluq apposta (BOV – 400 2086 8884), sabiex jiġi kkonservat dan il-wirt storiku tagħna.
Il-President Coleiro Preca, rringrazzjat lill-membri tal-komunità’ tar-Rabat li kienu preżenti fil-Knisja u rringrazzjat lill-entitajiet kummerċjali li qed jagħtu l-għajnuna tagħhom ukoll bħala eżerċizzju ta’ Corporate Social Responsibility.
Matul il-lejl li għadda ċeda parti mis-saqaf ta’ fuq l-artal tal-mejda tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ li tinsab fir-Rabat. B’xorti tajba l-inċident seħħ matul il-lejl u ħadd ma ndarab.
Fuq il-post jingħaqdu numru mdaqqas ta’ voluntiera li bdew ineħħu t-terrapien u t-tifrik. Ser jitpoġġa tapit u fuqu folji biex joħorġu l-materjal bil-krieret sabiex ma ssirx ħsara lill-irħam tat-twiebet ta’ mal-art.
Ritratti mibgħuta lil one.com.mt juru l-ħerba li ħalla dan l-inċident fil-Knisja b’mod partikolari fis-saqaf tal-knisja li hija fost l-eqdem fir-Rabat.
Għal iktar dettalji agħfsu hawn.