Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ħallew Malta llejla għal Londra fejn se jkunu qed iżuru lill-pazjenti Maltin li jinsabu rikoverati hemmhekk u lil qrabathom.
Akkumpanjati mis-Sur John Huber, Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund (MCCF), il-President u s-Sinjura Vella se jkunu qed iżuru wkoll diversi sptarijiet fejn jiġu rikoverati pazjenti Maltin, u se jiltaqgħu ma’ tobba u ma’ konsulenti li jkollhom taħt il-kura tagħhom lil dawn il-pazjenti.
F’Londra, huma għandhom ukoll laqgħa mas-sorijiet Franġiskani u Agostinjani li jilqgħu lil uħud mill-pazjenti Maltin.
Sakemm il-President Vella jkun Londra, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Id-delegazzjoni Maltija mistennija tasal lura Malta nhar l-Erbgħa li ġej.