Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ħallew Malta dalgħodu għal żjara uffiċjali fil-Litwanja fuq stedina tal-President tal-Litwanja, Gitanas Nausėda.
Matul iż-żjara, il-President Vella se jkollu laqgħa uffiċjali mal-President Nausėda fil-Palazz Presidenzjali f’Vilnius. L-impenji tal-President jinkludu wkoll laqgħat uffiċjali mal-Prim Ministru tal-Litwanja Ingrida Šimonytė u mal-Ispeaker tas-Seimas (il-Parlament tal-Litwanja) Viktorija Čmilytė-Nielsen.
Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fil-Litwanja tinkludi lis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Sakemm il-President George Vella jkun il-Litwanja, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta nhar il-Ħamis 29 ta’ Frar 2024.