L-E.T. il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono ospitat fil-Palazz ta’ Sant’Anton lil grupp ta’ żgħażagħ mill-Malta Model United Nations Society (MaltMUN) għal avveniment ta’ networking bejn delegati Maltin u barranin.
MaltMUN hi għaqda mhux governattiva mmexxija miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ u għandha l-għan li trawwem l-eċċellenza fiż-żgħażagħ għal dak li hu dibattitu, negozjar u diskorsi fil-pubbliku.
L-attività saret bħala parti mill-konferenza annwali li tlaqqa’ liż-żgħażagħ għal diskussjoni dwar materji ta’ importanza globali, u matulha joħorġu b’ideat u inizjattivi dejjiema biex ikunu indirizzati dawn il-problemi u sfidi.
Meta kienet qed tindirizza liż-żgħażagħ, il-President Spiteri Debono rreferiet għat-tema tal-konferenza ta’ din is-sena, li ffukat fuq ir-riżoluzzjoni tal-isfidi biex tintlaħaq stabbiltà globali, u faħħret id-determinazzjoni tagħhom favur soluzzjonijiet għall-ġid komuni.
Waqt li enfasizzat fuq il-bżonn ta’ soluzzjonijiet fit-tul u sostenibbli, il-President ta’ Malta tkellmet dwar l-importanza tad-diplomazija, biex l-isfidi globali jiġu indirizzati permezz tad-djalogu, in-negozjar u l-kompromess.
Il-President ta’ Malta rrimarkat li Malta, kemm fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll fit-tmexxija tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, qed tixpruna djalogu u inizjattivi biex tippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-progress globali.
Fid-dawl ta’ dan, il-President fakkret liż-żgħażagħ li pajjiż żgħir bħal Malta qed iġib bidla fuq livell internazzjonali, u għalhekk faħħret inizjattivi bħall-MaltMUN.