Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono kellha żjara ta’ korteżija mill-membri tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra.
Il-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra ġie stabbilit permezz tal-Att XX tal-2011 wara l-Konvenzjonijiet dwar l-Emigrazzjoni li ġew organizzati fl-1969, fl-2000 u fl-2010 u li rrakkomandaw it-twaqqif ta’ Kunsill magħmul minn rappreżentanti tal-komunitajiet Maltin u oħrajn bil-għan li jippromwovi d-drittijiet u l-interessi tal-Maltin li jgħixu barra.
L-Att XX tal-2011 ġie emendat bl-Att XXIV tal-2024, għadda f’liġi fit-12 ta’ Lulju 2024, u daħħal fis-seħħ l-emendi meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li qed tevolvi.
Il-Kunsill huwa magħmul minn 15-il membru u huwa ppresedut mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin (ex-officio).
Għaxra mill-membri jinħatru minn fost ċittadini Maltin li huma membri ta’ komunitajiet Maltin li jgħixu barra minn Malta u jinħatru, għal terminu ta’ tliet snin, mill-Prim Ministru.
Ħames membri oħra li għandhom għarfien u esperjenza speċjali tal-bżonnijiet u l-interessi tal-Maltin li jgħixu barra, jinħatru mill-Prim Ministru għal terminu ta’ tliet snin, wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra jiltaqa’ darba fis-sena f’Malta u l-membri tiegħu jiltaqgħu f’Malta għal din il-laqgħa annwali.
Din il-laqgħa hija kkaratterizzata minn diskussjonijiet, proposti, rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet li jservu bħala bażi għal azzjoni minn diversi ministeri, dipartimenti u entitajiet oħra sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom twaqqaf il-Kunsill.
Dan il-Kunsill jipprovdi wkoll l-opportunità lill-kunsilliera biex iressqu proposti, matul is-sena kollha, li jippreżentaw ilmenti u kwistjonijiet relatati man-nies li jirrappreżentaw.