Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lil Ela Mangion fil-Palazz ta’ San Anton ftit tal-jiem qabel ma tħalli pajjiżna biex tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest f’Minsk, Belarus.
Il-President awgurat lil Ela kull suċċess għal dan il-konkors.
“Nemmen li din se tkun esperjenza mill-aqwa għal Ela fejn filwaqt se tagħti viżibilità lil pajjiżna, se tkun qed tifforma ħbiberija ġodda mal-kantanti l-oħra li ġejjin minn dsatax-il pajjiż ieħor. B’hekk dan il-konkors se jservi wkoll bħala eżempju ieħor ta’ diplomazija artistika u kulturali, fejn il-mużika tkun mezz li permezz tagħha jinħolqu ħbiberiji ġodda, jissaħħu ħbiberiji li diġà jeżistu, bil-għan li titkattar paċi pożittiva”, tenniet il-President.