L-Uffiċċju tal-President ta’ Malta qal lil ONE News li kkonferma mal-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-President ta’ Malta, George Vella, aċċetta l-istedina tagħhom sabiex jirrappreżenta lil Malta fl-inkurunazzjoni tar-Re Karlu III, li se ssir f’Westminster Abbey, Londra, fis-6 ta’ Mejju.
Għal dan l-avveniment storiku mistennija jattendu, fost l-oħrajn, bosta Kapijiet ta’ Stat u rappreżentanti minn għadd ta’ pajjiżi alleati ewlenin tar-Renju Unit kif ukoll tan-nazzjonijiet membri tal-Commonwealth.
L-ewwel kap ta’ Stat li kkonferma li se jattendi kien il-President Pollakk, Andrzej Duda. Ikkonfermaw ukoll il-Kapijiet ta’ Stat ta’ diversi pajjiżi oħra fosthom l-Irlanda, Franza, Spanja, il-Belġju, il-Ġappun, l-Ungerija, u Monako.
Mexxej dinji ewlieni li tħabbar li mhux se jkun preżenti huwa l-President Ameirkan, Joe Biden. Minflok, l-Istati Uniti se jkunu rrappreżentanti mill-First Lady, Jill Biden. Se jkun hemm ukoll il-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew, u tal-Parlament Ewropew.
Din se tkun l-ewwel darba fl-istorja li għall-inkurunazzjoni ta’ monarka tar-Renju Unit se jiġu mistednin rejiet u rġejjen, u kapijiet ta’ Stat barranin oħrajn. B’hekk se tiġi fi tmiemha użanza ta’ sekli sħaħ li matulhom l-inkurunazzjoni kienet meqjusa bħala ċerimonja qaddisa bejn il-monarka, il-poplu tiegħu jew tagħha, u Alla.
Għal din l-inkurunazzjoni se jiġu mistednin numru ferm iċken ta’ politiċi u aristokratiċi milli kien il-każ għall-inkurunazzjoni ta’ Eliżabetta II fl-1953, meta kien hemm 8,000 mistieden. B’kuntrast kbir, l-għadd tal-mistiedna għall-inkurunazzjoni ta’ Karlu se jkun kwart ta’ dak in-numru, jiġifieri 2,000.
Naturalment, ma jistax jonqos li jkunu mistednin il-membri tal-Familja Rjali. Ġie kkonfrmat li d-Duka ta’ Sussex, Harry, se jattendi, iżda Meghan se tibqa’ f’Kalifornja. Se jkun hemm preżenti wkoll membri tal-familja tar-Reġina Camilla.
Il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Humza Yousaf, qal li se jattendi minkejja li huwa Repubblikan. Fil-fatt, dakinhar stess tal-inkurunazzjoni għandu jindirizza manifestazzjoni fi Glasgow favur l-indipendenza tal-Iskozja mir-Renju Unit.
Min-naħa tagħhom, id-deputati parlamentari Brittaniċi huma inkurlati wara Ii saru jafu li rappreżentanza biss minnhom se jkunu mistednin għaċ-ċerimonja,u mhux ilkoll kemm huma.
Għall-inkurunazzjoni se jattendu wkoll diversi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet filantropiċi tar-Re, oħrajn mis-settur volontarju, u bosta żgħażagħ.
Se jkun hemm preżenti wkoll rappreżentanti tar-reliġjonijiet kollha pprattikati fir-Renju Unit, xi ħaġa li tmur id f’id mal-ħidma twila tar-Re biex jippromwovi d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet.
Fil-fatt, waqt iċ-ċerimonja, ir-Re Karlu III mistenni jiddikjara li huwa jservi r-reliġjonijiet kollha u mhux biss iċ-Church of England.