Il-President George Vella stqarr kif mit-twaqqif tal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt (IIJ) f’Malta, matul l-aħħar 10 snin inħolqot sinerġija li sservi ta’ forza qawwija għal bidla pożittiva u kollettiva, hekk kif dan jagħraf li l-indirizzar tat-theddid tranżnazzjonali għas-sigurtà tagħna jista’ jiġi indirizzat b’mod sostenibbli biss permezz ta’ approċċ kooperattiv u li l-ebda pajjiż wieħed waħdu ma jista’ jindirizza l-isfidi b’mod effettiv.
Il-President ta’ Malta qal li wħud mill-aktar kwistjonijiet tranżnazzjonali urġenti li qiegħda tiffaċċja l-komunità globali inkluż it-terroriżmu endoġenu, ġew indirizzati mill-IIJ permezz tal-proġetti prattiċi tiegħu u l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet ewlenin. Dan sar bl-għan biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti bbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.
Il-President Vella rrefera għall-Istitut bħala ċentru ta’ għarfien u innovazzjoni rispettat ħafna li qed jikkontribwixxi b’mod tanġibbli għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-prattikanti tal-ġustizzja kriminali u, fix-xenarju mqalleb tal-lum, ħoloq forum għall-iskambju ta’ prattiki tajba kontra t-terroriżmu u attivitajiet kriminali tranżnazzjonali oħra fi ħdan qafas ta’ stat tad-dritt f’konformità mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-livell internazzjonali.
B’ħarsa lejn il-futur, il-President Vella qal li l-Istitut jinsab f’pożizzjoni tajba biex iwitti t-triq u jkollu rwol importanti fl-indirizzar tat-theddid emerġenti fil-kuntest ta’ xenarju ġeopolitiku u ta’ sigurtà li qed imur għall-agħar.
Steven Hill, Segretarju Eżekuttiv tal-IIJ, faħħar lill-President u lill-Gvern ta’ Malta għall-appoġġ tagħhom lill-Istitut li tul is-snin kellu ’l fuq minn 9,000 student minn 130 pajjiż.