Il-President ta’ Malta George Vella u martu Miriam Vella żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA fejn kellhom l-opportunità japprezzaw it-teżori artistiċi li jinsabu fl-Auberge d’Italie, fil-Belt kapitali.
Il-President Vella stqarr li dan il-proġett prestiġjuż irriżulta f’mużew ta’ kalibru li jirrifletti r-rikezzi artistiċi u l-wirt kulturali imprezzabbli ta’ pajjiżna.
Waqt din iż-żjara, il-President u martu segwew l-erba’ narrativi tal-MUŻA, li huma l-Mediterran, l-Ewropa, l-Imperu, u l-Artist.
Il-mużew li fih madwar 20,000 biċċa xogħol tal-arti u fost ix-xogħolijiet prinċipali fil-mużew hemm dawk tal-pittur Mattia Preti u tal-iskultur Antonio Sciortino.
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta qal li huwa ta’ unur għall-aġenzija nazzjonali responsabbli mill-mużewijiet, il-konservazzjoni, u l-wirt kulturali, li turi lill-Kap tal-Istat it-teżori artistiċi ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt il-kuratur anzjan ta’ Heritage Malta, is-Sur Kenneth Cassar stqarr li din l-okkażjoni hija waħda unika hekk kif dan il-proġett fil-qalba tal-Belt Valletta wassal biex l-istorja tal-arti ta’ pajjiżna tkun aċċessibbli għall-poplu kollu.